Meta Alex Sandro ingħaqad ma’ Juventus żewġt isjuf ilu ftit kienu jafu bl-eżistenza tiegħu. Biex ngħid il-verità kont ftit xettiku fuq l-akkwist tiegħu. Xi €26 Miljun għal plejer li qatt ma kont smajt bih, jilgħab ġewwa l-Portugall, jiġifieri mhux f’wieħed mill-aqwa ligs Ewropej, u lanqas kien mgħajjat mal-Brażil.

Forsi kien aħjar hekk. Wasal bil-kwiet mingħajr ħafna pressjoni żejda u mingħajr ma kien imneffaħ mill-midja. Żewġ Brażiljani li waslu b’ħafna daqq ta’ trombi kienu Diego u Amauri… u kulħadd jiftakar il-kontribut eċċellenti tagħhom.

L-istaġun li għadda kien wieħed diskret, iżda l-kwalitajiet tiegħu kienu diġà bdew joħorġu. Dam ftit ma qabad u kien hemm min ħaġġru, iżda kulħadd jaf li l-lig Taljan huwa wieħed mill-itqal fid-dinja u mhux faċli li wieħed jidra. Infatti, fl-Ewropa, kien ikollu dejjem wirjiet aħjar milli fil-lig. Lagħab 32 darba, b’erba’ assists u żewġ gowls.

Lejn l-aħħar tal-istaġun qagħad sewwa u beda jilgħab ħafna, ħafna aħjar. Dis-sena kompla jitjieb u logħba wara logħba dejjem jitjieb iżjed. Jista’ jkun il-Maicon il-ġdid bla problemi ta’ xejn.

Kapaċi jilgħab bħala Left Back, Left Wing Back u anke Left Midfielder. Ma jiddejjaqx jaqbeż plejer u jikkrossja ta’ spiss u tajjeb. Ikolli ngħid 8 minn kull 10 krosis jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Ilbieraħ konta Pescara ġenninhom; jaqbeż wieħed, tnejn u anke tlieta ġieli. Tunnel u veronica. Ma żbaljax passaġġ u ma żbaljax moviment. Prepotenti u b’saħħtu fiżikament. Ma jiddejjaqx idaħħal rasu; vide l-assist lil Zaza kontra Napoli l-istaġun li għadda. Dan mhux biss kontra Pescara, imma kontra kulħadd. Ma jibżax. Kunfidenti ħafna u għandu għaliex għax għandu teknika fenomenali. Xellugi di natura imma l-lemin tiegħu tajba ħafna wkoll u kapaċi jużaha sewwa. Is-sena l-oħra kien skurja gowl tal-istampi bil-lemin kontra Udinese.

L-unika biċċa li jbati ftit fiha u għandu jitjieb, hija l-fażi difensiva. Għalhekk kontra timijiet li jattakkaw Allegri jippreferi lil Evra. Evra jagħti inqas attakki imma ħafna iżjed esperjenza u kopertura difensiva. Alex Sandro kultant jintilef u jinqabad barra minn postu jew jagħmel żbalji banali. Kontra Pescara ħa żball li wassal għal okkażjoni ta’ gowl tad-Delfini.

Din is-sena s’issa deher 16-il darba bi 3 assists. Għadna lanqas f’nofs l-istaġun u kważi laħaq l-assists tas-sena l-oħra b’inqas min-nofs il-preżenzi. Ikolli ngħid li Alaba u Marcelo biss huma aħjar minn Alex Sandro, imma hu tal-istess livell ta’ Jordi Alba. L-età hija favur tiegħu hekk kif għandu biss 25 sena. Fil-ħames snin li ġejjin għandu biex ikun l-aqwa wieħed fid-dinja.

dical-banner-1200×280