Ma nistax nemmen li ħa jkolli nikteb x’inhi d-differenza bejn dak li ġara b’Bonucci u b’Higuain. Imma tant qed naqra tgħawwiġ tal-verità, biex inkun diplomatiku, fuq il-medja soċjali li ħassejt li għandi nikteb żewġ kelmiet.

Biex nagħti sommarju ta’ kollox: Bonucci kontra Torino qala’ karta safra fuq protesti u minħabba li kien diffidat qala’ sospensjoni ta’ logħba filwaqt li Higuain tkeċċa wara t-tieni safra fuq protesti u qala’ erba’ logħbiet.

Ħa nkisser erba’ miti li hawn jiġru:

Mit 1: Bonucci ta daqqa ta’ ras lir-referì

Untitled

Falz. L-istampi huma ċari biżżejjed u juru li Bonucci għajjat f’wiċċu. Nuqqas ta’ sportività kbira u kien ħaqqu l-karta s-safra.

Mit 2: Bonucci lanqas biss qala’ karta safra

Untitled

Falz. Min ifittex il-vidjow sħiħ jista’ jara wkoll it-turija tal-karta s-safra.

Mit 3: Il-plejers ta’ Juventus jagħmlu agħar u ma jaqilgħu xejn.

Falz. Fl-istess screenshot ta’ livescore jidher li tkeċċa Khedira, meta kien 15-il metru bogħod mir-referì għal żewġ kelmiet żejda bl-Ingliż. Kien ħaqqu jitkeċċa u jeħel żewġ logħbiet.

Fid-dawl ta’ dan kollu nasal biex ngħid li s-sospensjoni ta’ Higuain ta’ erba’ logħbiet hija ftit wisq. Weħel waħda għax tkeċċa b’żewġ sofor u t-tlieta għax-xenati li għamel. Fix-xenata jħebb għar-referì u jaqbdu mill-flokk, jipprova jħebb għall-plejers ta’ Udinese, jirrifjuta li joħroġ mill-grawnd, jimbotta plejers tiegħu stess u qabel joħroġ jimbotta wkoll parti mill-istaff ta’ Napoli.

Higuain

Għal kondotta vjolenta plejer jeħel tlieta. Għal tkeċċija b’żewġ karti sofor jeħel waħda. Għal inġurja kontra r-referì bħal Khedira jeħel tnejn. Matematika sempliċi diġà turi li kellu jeħel minn tal-anqas sitta. F’din is-somma t’hawn fuq ħallejt barra l-fatt li qabad lir-referì mill-flokk. Skont La Gazzetta Dello Sport ir-referì ddeskrivieh bħala kuntatt ħafif u li kieku ma ddeskriviehx hekk kien jaqla’ possibbilment għaxra logħbiet. Inħalli lilkom biex mill-vidjow tiġġudikaw il-kuntatt kienx ħafif jew le u x-xenati li għamel humiex ta’ erba’ logħbiet biss.