“Pjanić huwa l-aqwa wieħed bħalissa. Imma Pjanić mhux ħa jżomm in-nofs waħdu. Minn wieħed mill-aqwa midfields fl-Ewropa, ġejna wieħed mill-agħar fuq il-karta. Dybala żgur ħa jkollu jinżel iżjed u din tista’ twassal għal iżolazzjoni tal-attakkanti.” 

Dan kollu ktibtu fit-2 ta’ Settembru, ħalli ħadd ma jaħseb li qed niktbu issa. Midfield batut li deher sa mill-ewwel partiti, iżda ma ktibt xejn għax ridt nagħti ċans lil-logħob jiżvolġu. Id-difetti ħarġu mat-timijiet il-kbar, li tawna sfida iebsa u tajba.

Ma’ Sevilla, iċ-champions preżenti ta’ Europa League, m’għamilna xejn fin-nofs. Assolutament. L-istess ma’ Inter. Il-problemi huma diversi iżda faċilment individwabbli.

L-ewwel waħda, u prinċipalment, hija l-arroganza. “U iva, nirbħu żgur.” Le. Sevilla kienu organizzatissimi fuq wara u fin-nofs u b’hekk kellna nikkrossjaw ġol-kaxxa u nixxuttjaw minn barra. Xi darbtejn, jekk, dħalna fil-kaxxa u ma konniex deċiżivi biżżejjed. Sevilla ħanquna tattikament u teknikament. Inter, min-naħa l-oħra, rebħulna bil-qalb wara t-telfa super umiljanti ma’ tal-birra fl-Europa League. Dan il-banju doppju t’umiltà jista’ jiswiena ħafna, bħalma sewa s-sena l-oħra.

It-tieni problema hija l-ġiri, li tista’ tintrabat mal-arroganza. Fin-nofs ħadd mhu jiġri. Ħadd. Kultant Khedira jagħmel xi inseriment, kif ukoll Pjanić. Asamoah kien skandaluż. Lemina għamel partita tajba waħda u daqshekk. U ‘l isfel ħadd ma jinżel jiddefendi. Il-BBC stħajjilthom difiża Zemanjana; jaqilgħu ġo fihom u jridu jaraw kif ħa jkampaw u jirnexxu waħidhom. Passatur daqs kikkra jipprova jilqa’ għaxar kilos għaġin.

It-tielet hija l-binja tal-logħob. Bil-mod il-mod idawru l-ballun u daqshekk. Għaġla ta’ xejn. Bil-lajma l-lajma. Imbagħad iwaddbu ballun vertikali jew jinżel Dybala għalih u jipprova jivvinta xi ħaġa hu. Però, fuq il-pożizzjoni tattika ta’ Dybala noħroġ artiklu ieħor, u kif din qed tfixkel kemm l-attakk u kif ukoll il-midfield.

Ir-raba’ u l-aħħar problema hija l-kattiverja, anzi n-nuqqas tagħha. Fuq kull ballun jaslu t-tieni, dak in-nofs metru wara. Li hija inaċċettabbli. Nuqqas ta’ ħeġġa enormi. Ħadd ma jixxuttja minn barra l-kaxxa, u minn ġewwa l-kaxxa jonqos dik il-kattiverja. Khedira falla wieħed ma’ Sevilla waħdu mal-gowler u ieħor kontra Inter. Pjanić għandu xutt bestjali minn barra, u jekk niftakar tajjeb wieħed ipprova, ilbieraħ, u ħakkek mal-lasta, jiġifieri wasal viċin.

Però, ma ninsewx li għadhom kemm għaddew biss ħames partiti. Bħal daż-żmien sena konna minn tal-aħħar u kulħadd qatagħna ‘l barra mit-tellieqa tal-iscudetto. Kulħadd jiftakar kif spiċċa l-istaġun. Hemm bżonn ta’ tibdil u reazzjoni minn nhar l-Erbgħa li ġej. Anzi, mill-biraħtlula.