Din il-ġimgħa kienet prova ta’ kemm il-futbol mhuwiex sport biss li jintlagħab bis-saqajn, imma li 50% minnu huwa psikoloġiku. Il-partita bejn Barcelona u PSG, fejn Barcelona wettqu rekord u rebħu 6-1 kontra l-Franċiżi, hija evidenza ħajja u riċenti ta’ dan, u l-logħba bejn Juventus u Milan ukoll ħarġet dan il-punt għalkemm b’mod inqas ċar.

PSG niżlu b’kunfidenza li kollox ħa jimxi ħarir u li ħa jgħaddu bla problemi. Bażikament, baqgħu fuq is-sufan jilagħbu l-Playstation. Gowl fit-tielet minuta ħasadhom, tahom doċċa kiesħa u strumblahom.

Minn dak il-ħin ’il quddiem bdew jitilfu kull kuntrast wieħed kontra wieħed, bdew isibuha bi tqila biex iqassmu tlett iblalen wara xulxin u biex jazzjonaw il-fażi difensiva kif suppost. Bdew isibuha bi tqila, donnhom kellhom ġebel mhux żraben f’saqajhom, biex jikkonkludu wkoll hekk kif kellhom tliet ċansijiet li minnhom ħadu biss wieħed permezz ta’ Cavani.

Barcelona min-naħa l-oħra niżlu fferoċjati u konvinti li kapaċi jiktbu l-istorja. Kif fil-fatt ġara. Lil hinn mill-polemiċi ta’ penalties u mhux penalties, tliet invenzjonijiet ta’ Neymar u waħda brillanti ta’ Iniesta kienu deċiżivi. Barra minn hekk, biex ikollok iċ-ċans li tieħu penalty favurik trid tidħol fil-kaxxa avversarja. Kikkra kafè, borża ottijiet u tinda kien jonqoshom il-Blaugrana u kienu jikkampjaw hemm.

Il-fatt li niżlu bil-mentalità li jew jirbħu jew xejn, taw qalbhom u ruħhom, wassal għar-rebħa finali tagħhom.

Dan li qed ngħid jien mhux xi ħaġa ġdida u ġrat ħafna drabi fil-passat; ir-rebħa tal-Greċja fil-Kampjonat Ewropew, ir-rebħa ta’ Celtic kontra l-istess Barcelona u r-rebħa ta’ Leicester tal-Kampjonat Ingliż.

Ilbieraħ, b’differenza tal-ġimgħa l-oħra kontra Udinese, Juventus niżlu aggwerriti u bid-determinazzjoni li jirbħu u li jagħmlu logħba diċenti, mhux bħall-ġimgħa l-oħra. Kontra Udinese kienu assenti mentalment il-plejers, tant li anke Allegri qal hekk. Ħalliha li kellu jkun hemm żewġ penalties, imma tim kbir ma jġibx skuża b’dawn l-affarijiet. Tim kbir jinżel biex jirbaħ u jirbaħ akkost ta’ kollox u kontra kulħadd.

Milan kienu kuntentissimi bi draw, tant li meta kien hemm il-parità, Montella qala’ lil Bacca u daħħal lil Kucka, mhux Lapadula, biex jaqleb 4-5- 1 u jiddefendi iżjed. Tant kienu kuntenti li niżlu bil-kontrattakk, li esegwew perfettament xi darbtejn jew tlieta, fosthom fil-gowl. Tant kienu kuntenti li Sosa dam madwar 25 sekonda biex ħareġ wara li tkeċċa u daru mar-referee biex forsi jilħaq isaffar u ma jagħtix il-penalty. Tant kienu kuntenti li kulma xxuttjaw xi erba’ darbiet lejn Buffon u Juventus xuttjaw wieħed u għoxrin darba. Ħames darbiet iżjed. Juventus iddominaw b’59% tal-pussess tal-ballun. Ma ninsewx ukoll li daħal Vangioni, difensur, flok Ocampos, plejer offensiv ħafna.

Nota tal-aħħar: Tant huma importanti l-moħħ u l-mentalità fil-futbol li Napoli u Roma, l-isfidanti ta’ Juventus, qed jikkrollaw fil-mument kruċjali tal-istaġun. Dawn huma l-aħħar ħames logħbiet:

(R)ebħa, (D)raw, (T)elfa

Napoli: R, T, T, R, T ( Chievo, Atalanta, Juventus, Roma, Real Madrid)
Roma: T, R, T, T, T ( Villarreal, Inter, Lazio, Napoli, Lyon)
Juventus: R, R, R, D, R ( Porto, Empoli, Napoli, Udinese, Milan)

Meta tqabbel hekk, kull kelma, polemika jew opinjoni oħra hija superfiċjali. Kif tim jippretendi li huwa tim kbir meta fil-mument li jħoll u jorbot kollox, bejn l-aħħar ta’ Frar u l-aħħar ta’ Marzu, ifalli daqshekk gravi?

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280