Wara stennija twila xhur, fl-aħħar telgħu l-poloz. Juventus ma tantx għandhom fortuna fl-Ewropa allura kien hemm biża’ li jibilgħu lil Atletico Madrid, lil Borussia Dortmund jew lil Arsenal, timijiet b’saħħithom li joqogħdu faċilment fl-ewwel pot.

Il-Grupp H, apparti Juventus, hu ffurmat minn Dinamo Zagreb, Olympique Lyonnais u Sevilla.

Dinamo Zagreb – Waslu fil-fażijiet finali taċ-Champions League 6 darbiet qabel din is-sena iżda qatt ma qabżu l-gruppi. 43 titlu nazzjonali jixhdu l-kwalità storika ta’ dan it-tim. Is-sena l-oħra rebħu l-lig billi rebħu 26, ġew dro 7 u tilfu 3 biss. Rebħu wkoll it-Tazza nazzjonali biex b’hekk għamlu doppjetta bħal Juventus. Tim magħqud u b’saħħtu li jista’ jagħti l-problemi u sfida kbira speċjalment f’darhom. Dan kien l-istess ħsieb t’Allegri meta qal li m’għandniex nissottovalutawhom.

Olympique Lyonnais – Waslu sal-gruppi 13-il darba qabel din is-sena: 5 darbiet inqalgħu fl-aħħar sittax, 3 darbiet fil-kwarti tal-finali u darba biss fis-semifinali, l-aħjar riżultat li qatt kisbu. Il-bqija nqalgħu fil-gruppi. OL għandhom 20 tazza nazzjonali b’isimhom minqux fuqhom. Is-sena l-oħra ġew it-tieni fil-lig b’distakk enormi mill-PSG. L-aħħar tazza kienet fl-2012. Ma jfissirx li huma tim faċli biex tirbaħlu, anzi pjuttost le. Ma ninsewx li għandhom l’élément Lacazette, wieħed mill-aqwa attakkanti fil-preżent. Tim abbordabbli imma rridu noqogħdu attenti ħafna, speċjalment ġewwa Franza.

Sevilla – Għaddew għall-gruppi 3 darbiet biss iżda għandhom rekord tajjeb. Darbtejn inqalgħu mal-aħħar sittax. Għandhom rekord ferm aħjar fl-Ewropa Kadetta hekk kif rebħu 2 UEFA Cup u 3 Europa League infila f’dawn l-aħħar 3 snin biex ħadu t-tazza magħhom lura Spanja. Rebħu wkoll Supercup Ewropea fl-2006. L-iżjed tim b’esperjenza Ewropea mill-avversarji. Rebħu wkoll 7 titli nazzjonali. Juventus diġà ltaqgħu magħhom is-sena l-oħra b’eżitu xejn feliċi. It-tim li jista’ jtellef 6 punti lil Juventus.

Wara din l-analiżi wieħed faċilment jinduna kemm fl-Ewropa ma jeżistux timijiet ħfief. 4 logħbiet minn 6 huma ibsin u mhux ta’ min jeħodhom frank; ġewwa l-Kroazja, ġewwa Franza u ż-żewġ partiti kontra l-Ispanjoli. Hija ovvja li Juventus huma aqwa minnhom kollha u għalhekk huma l-favoriti u għandhom jiġu l-ewwel fil-grupp biex jevitaw timijiet kbar bħal Barcelona u Bayern. Onestament nemmen li Juventus għandhom iġibu 12 jew 13-il punt minn tal-inqas.

dical-banner-1200×280