Ipprova aqra t-titlu mingħajr ma tidħak … jien mhux jirnexxili, u int? Cesari u La Gazzetta Dello Sport (!!) ukoll qalu li ma kien hemm xejn fl-episodji msemmija, imma l-analiżi tal-moviola u tal-logħba mhux il-punt ta’ dan l-artiklu.

Il-punt ta’ dan l-artiklu huwa l-mentalità kalċistika Taljana tat-timijiet iż-żgħar u ta’ wħud mis-sapporters tagħhom. Mentalità li wieħed jista’ jiddeskriviha biss bħala mentalità infantili għall-aħħar.

Ma jammettux li fis-sajf saru akkwisti bla sens, li r-rebħ tal-partiti kienu kontra timijiet żgħar u f’uħud minnhom kien hemm żball  tar-referì. Ma jammettux li xħin sabu l-blat tfarrku bħad-dgħajsa ta’ San Pawl.

Le, iwaħħlu f’Rizzoli, f’Mazzoleni, fil-penumbra, għax jilagħbu f’nofsinhar, għax il-blalen kienu ftit imniżżlin, għax kienet ix-xita, għax plejer għalaq sninu u kiel il-kejk, għax ħadu panċer huma u ġejjin, għax De Paul ma tkeċċiex u Suso “bilkemm missu u tkeċċa” … u għax Juventus Ladra. Iddur kemm iddur dejjem hemm tispiċċa: Juventus li tisraq il-logħob. Ma jgħidux li min iġib lil Gabigol u min iġib lil Higuaín, li min iġib Joao Mario, u min iġib Pjanić.

Fattur ieħor interessanti hu li ma’ kull telfa jduru dawramejt mar-referì, kulħadd jgħajjat ġo wiċċu u hemm min anke jixxuttja l-ballun lejn ir-referì. Nuqqas ta’ sportività u stil liema bħalhom.

L-aħħar punt u nagħlaq hawn. Meta l-Ispecial One kien qal li l-Italja hemm prostituzzjoni intellettwali mill-midja, għax allegatament kienu jmaqdru lil Inter, kulħadd ċapċaplu u daqqlu l-ħorn. Però, meta l-midja tgħid li Juventus xaħħmu lir-referis, li s-soċjetà kienet taf x’jiġri fil-każ tal-biljetti tal-‘Ndrangheta, li Bonucci ta daqqa ta’ ras lil Rizzoli, li Mandžukić ta bil-mus fil-kaxxa avversarja u l-bqija, hemmhekk titwemmen bl-għajnejn magħluqa u lanqas biss jaqraw sors ieħor ta’ informazzjoni.  Hemmhekk m’hemmx prostituzzjoni intelletwali, anzi, il-midja hi perfetta. U nnutaw li meta jmaqdru lil Juventus biss, lanqas meta jfaħħru lit-tim tagħhom.

Għaliex? Għax huma Anti-Juventini l-ewwel u qabel kollox, imbagħad jinteressahom, forsi, mit-tim tagħhom.

dical-banner-1200×280