Wara snin ta’ dibattitu Gianni Infantino, il-President il-ġdid tal-FIFA, ħabbar li se jibdew mill-inqas sentejn ta’ esperimenti rigward ir-replay fil-grawnd, dik li t-Taljani jsejħulha ‘moviola’. Tista’ tintuża biss fuq deċiżjonijiet ta’ karti ħomor, penaltis, sitwazzjonijiet ta’ gowl jew mhux gowl jew f’każ ta’ tibdil ta’ persuna.

Żgur mhux forsi din il-lista ġġib quddiem għajnejna episodji differenti u importanti. Totti fl-2002 fit-Tazza tad-Dinja, Marchisio kontra n-Napoli meta Aronica xxuttjah minn wara, ta’ Muntari u tal-aħħar meta r-referi kien bidel lil Oxlade Chamberlain u lil Gibbs.

Imma hija verament bżonjuża?

Il-futbol sabiħ għax mexxej. Il-futbol Amerikan il-ħin kollu jieqaf biex jiċċekkjaw ir-replay u partita ddum faċilment ħames sigħat. Dan joqtol totalment l-eċitament tal-logħba apparti li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum ħadd m’għandu ħames sigħat biex jara partita. Barra minn hekk, f’partiti li jkunu qed jintlagħbu fl-istess ħin, dan jista’ faċilment iwassal għall-‘biscotto’ jew xiri eħfef ta’ partiti. Jekk naf li dawk li qegħdin jikkompetu miegħi, biex ma jaqgħux, tilfu u jien żgur mhux ħa naqa’, għalfejn għandi nkompli nilgħab? Mhux aħjar indaħħal ċekk ta’ xi mitejn elf u nagħmel combine? Jekk naf li l-logħba l-oħra ġiet dro u jien irbaħt il-lig żgur, għaliex ninżel bl-ewwel ħdax meta nista’ ninżel bir-riservi? F’każ hekk, imorru minn taħt is-sapporters li jħallsu mijiet ta’ ewro biex mingħalihom jaraw lil Marchisio jew Dybala u minflok isibu lil xi ħadd għandu ħmistax-il sena.

Però f’każijiet bħat-tennis u r-rugby daħlu pjuttost tajjeb. Il-logħob xorta baqa’ kemxejn mexxej u d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr. Dawn il-pawsi qosra jwasslu wkoll għal speċi ta’ timeout żgħir fejn il-kowċ ikun jista’ jgħaddi xi istruzzjonijiet, il-plejers jixorbu belgħa ilma u anke forsi jistrieħu ftit. Din tal-aħħar tista’ twassal biex il-logħob, ironikament, ikun iżjed mexxej. Ġieli waqt xi partita, it-timijiet qishom jieħdu brejk mhux uffiċjali fejn jintefgħu jqassmu bil-mod sakemm jerġgħu jieħdu n-nifs. Minflok dawn il-brejks mhux uffiċjali, ikollna l-brejks ipprovduti mir-replay.

Kif qegħdin l-affarijiet bħalissa, ikolli ngħid li ma naqbilx. Mal-goal line technology minn dejjem kont naqbel imma din hemm ċans kbir li toqtol l-entużjażmu tal-partita u titfa’ ħafna iżjed pressjoni fuq ir-referis. Kif qegħdin l-affarijiet issa, żball tar-referi faċilment jintesa u jitniżżel taħt l-umanità tiegħu (sakemm mhux favur il-Juventus), imma jekk tidħol ir-replay fil-grawnd u xorta jseħħ żball…

Fl-aħħar mill-aħħar inutli niġġudikaw issa. Irridu nagħtu ċans l-istudji u l-esperimentazzjonijiet jgħaddu kif qal Collina, imma qed naraha bħala battalja għat-telgħa.