L-aħħar indiskrezzjonijiet li ħarġu mill-Ingilterra qed jgħidu li r-referee Mark Clattenburg iddejjaq jirreffja u qed jipprova jħoll il-kuntratt. Xejn speċjali s’hawnhekk, kulħadd kien jaħdem xi mkien xi darba jew daħal f’kuntratt u ried jitlaq minnu u jdabbar rasu.

Il-problema tinsab fejn u kif ħa jdabbar rasu. Wieħed jimmaġina li referee hekk prestiġġjuż, li rreffja finali Ewropej u ħa sehem anke f’partiti internazzjonali tal-FIFA u mhux biss tal-UEFA, wara li jdendel is-suffara imur sentejn il-Maldive, jixxemmex, jgħum u jittanta x-xemx għaddejja mingħajr ma jagħmel xejn.

Skont The Sun, beħsiebu jmur is-Sawdi Arabja … biex jirreffja hemm. Hekk hu. Sinjuri u sinjuri, ħa nkunu qed nassistu għall-ewwel trasferiment ta’ referee fl-istorja ta’ kull sport. ‘Kumbinazzjoni’, għażel hemm, post fejn ta’ tmintax-il sena ommok u missierek ituk Aventador bħala rigal talli ġibt il-liċenzja.

Il-futbol ilu li sar kummerċ mill-bidu tal-elfejnijiet, imma din xi ħaġa li onestament qatt ma bsart li ħa tiġri. Plejers, kowċis, diretturi, dawn kollha naċċetta li jibdlu l-klabb jew il-pajjiż jew il-federazzjoni totalment … imma referees ukoll issa?

Ma nafx fejn ħa nispiċċaw. Inpartu l-ballboys? Inbigħu lill-ġardinara lil xulxin u n-nies li jaħslu l-gerijiet?

Sitwazzjoni ridikola, tant li milli jidher m’hemmx regoli għaliha. Ħadd qatt ma basar li referee jista’ jiġi ttrasferit hekk.

Dan l-isport inħobbu u kważi reliġjon għalija, imma jekk ħa nibqgħu sejrin hekk ħa jkolli nsir ateu, nifqa’ l-ballun u mmur id-dar.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280