Bentornata Serie A. Merħba lura futbol. Għalina, li tlajna nsegwu u nħobbu s-Serie A, dan hu l-futbol, dan hu l-iktar kampjonat mistenni. Dak li sa għaxar snin ilu kien ‘il campionato più bello del mondo’ għal kulħadd, jibqa’ għalina l-isbaħ kampjonat fid-dinja.

Għalkemm l-aġġettiv ‘bello’ – sabiħ, forsi m’għadux validu għal dan il-kampjonat. Lanqas nistgħu ngħidulu ‘il migliore’ – l-aħjar, għax l-aqwa plejers, sfortunatament, m’għadhomx jiġu l-Italja. Forsi nistgħu nużaw ‘il più difficile’ – l-itqal. Għax l-ebda tim mhu faċli tirbaħlu fis-Serie A. Tattikament jibqa’ l-iktar kampjonat diffiċli. U dan mhux jien qed ngħidu. Fl-Italja rarament se tara partita mimlija gowls, bħalma naraw fil-Premiership, imma dan ma jfissirx li l-kwalità hija inferjuri. Anzi …

Għal ħafna ‘esperti’, minn ġurnalisti sa partitarji, dan il-kampjonat li għadu lanqas biss beda, diġà huwa mitmum u mirbuħ. ‘Juventus Campione d’Italia 2016-2017’. U min jagħtihom tort jaħsbu hekk? Juventus ġejjin minn rebħ ta’ ħames kampjonati konsekuttivi. Għandhom l-aqwa difiża, l-aqwa plejers f’kull dipartiment u biex tgħaxxaq ħadu l-aqwa żewġ plejers tal-avversarji tagħhom: Pjanić ta’ Roma u Higuaín ta’ Napoli. Min jista’ jwaqqafhom?

Mhux se ndur mal-lewża. Iva, ovvjament anki jien naħseb li Juventus huma STRAfavoriti li jieħdu s-sitt kampjonat infila. Anzi, inżid li biex Napoli u Roma ma approfittawx u ma rebħuhx l-istaġun li għadda, ma nafx meta se jirbħuh. Imma jien imdorri ma narax kbir. Naf ukoll li l-ballun huwa tond u trid tilgħab 11 vs 11. U rizultati sorpriża jista’ jkun hemm ukoll. Għalhekk sabiħ dan l-isport. Il-logħob jintrebaħ fil-grawnd, f’Mejju, mhux f’Awwissu bl-akkwist tal-plejers. M’hawn xejn ċert. U mhux aħjar hekk?

Fuq kollox ma ninsewx li għalkemm neħħew pedini importanti, it-timijiet avversarji xorta baqgħalhom plejers validi, anzi xtraw tajjeb u ssaħħew ukoll. Apparti Napoli u Roma li xorta se jkunu għadma iebsa u l-iktar avversarji diffiċli, jien ma nafdax lanqas lit-tim li tant Juventini jħobbu – Inter. Naħseb li se jkollhom staġun tajjeb u jiġġieldu għall-ewwel tliet postijiet. Akkwistaw plejers validi ħafna, ħelsu mis-sopravvalutat Mancini u għandhom kowċ ġdid li jista’ jħalli impatt bil-logħba tiegħu.

Bħala Juventin ma nixtieqx li nara sorpriżi kbar. Speċjalment fil-ġlieda għall-Iscudetto. Però fl-istess ħin, jiena li nħobb is-Serie A, nixtieq li jkun hemm riżultati sorpriża, dak it-tim li bla mistenni jkun hemm fuq u jikseb riżultati iktar milli mistenni. Nixtieq li l-avversarji ta’ Juventus, jieħdu eżempju mill-istess Soċjetà Juventus kif għandha tkun soċjetà li taħdem bil-għaqal u ġġib ir-riżultati. Nixtieq li jkun hemm iktar investiment fil-futbol Taljan u jiġu iktar plejers ta’ kalibru kif kien hemm fil-passat. Għax hekk sabiħ li tirbaħ. Hemm ħafna affarijiet li jistgħu u li hemm bżonn jitranġaw fl-Italja. Ma hemmx bzonn niktibhom jiena. Jalla l-kampjonat ikun wieħed interessanti. Bis-soltu polemika, moviole u diskussjonijiet anki bejnietna l-partitarji Maltin li żgur mhux se jonqsu. Jekk le ma jkunx Serie A.

Tiftakru meta sa ftit snin ilu, f’Awwissu qabel il-bidu tal-kampjonat, kien hemm is-‘Sette Sorelle’? Is-seba’ timijiet (Juve-Milan-Inter-Roma-Lazio-Fiorentina-Parma) li se jiġġieldu għall-Iscudetto? Illum l-affarijiet, sfortunatament, huma xort’oħra. Nikkonsla biss li ċerti affarijiet ma jinbidlux. It-tim tiegħi, Juventus, żgur se jerġa’ bħal kull sena, ikun fost il-protagonisti ta’ kampjonat ieħor tas-Serie A. Dak li forsi m’għadux l-isbaħ kampjonat fid-dinja, imma li aħna xorta nibqgħu nħobbu u nsegwu.

Bentornato Calcio. Buon campionato a tutti!

dical-banner-1200×280