Juventus tilfu l-Final Eight Primavera kontra Roma wara l-għoti tal-penaltis. Din kienet l-ewwel darba li Juventus ikkwalifikaw għall-finali tal-kampjonat f’għaxar snin.

Juventus fetħu l-iskor b’gowl tal-midfielder Grieg Grigoris Kastanos li xeħet fix-xibka b’xutt b’saħħtu minn penalti fis-36 minuta. Dan wara fawl fil-kaxxa minn Lorenzo Di Livio fuq Pol Lirola.

Juventus kellhom prestazzjoni tajba, fost l-oħrajn il-goalkeeper Emil Audero li fil-11-il minuta wettaq sejv mirakoluż fuq xutt ta’ Ponce mill-qrib.

Sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, Claudio Zappa rċieva ballun barra l-kaxxa l-kbira iżda sfortunatament ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jaħbat mal-mimduda.

Fit-tieni taqsima Roma mill-ewwel ħarġu agressivi u kisbu d-dro b’mod immedjat fis-46 minuta. Minn korner, il-ballun wasal għand Ezequiel Ponce li xxuttja, bil-goalkeeper ta’ Juventus imiss il-ballun iżda ma jirnexxilux iċaħħad il-gowl. Protesti mill-plejers ta’ Juventus, li allegaw li l-plejer ta’ Roma kkontrolla l-ballun b’idu.

Juventus komplew isofru l-pressjoni ta’ Roma, li fid-59 minuta impenjaw mhux ftit lil Audero b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Emanuele Ndoj. Il-goalkeeper ta’ Juventus irnexxielu jdawwar f’korner wara li qabeż għall-ballun.

Fit-88 minuta, Ponce skurja bir-ras minn taħt Audero, wara kross ta’ Emanuele Spinozzi. Madankollu l-assistent referì ġġudika l-pożizzjoni ta’ Ponce bħala offside f’deċiżjoni kontroversjali.

B’hekk il-logħba marret għall-ħin barrani fejn Juventus kienu eħfef mill-plejers ta’ Roma, b’iktar ideat u bdew jippressaw iżjed.

Madankollu l-ebda sett ta’ plejers ma rnexxielu jiskurja, il-konsegwenza li l-finali marret għall-penaltis fejn Guido Vadalá (Juventus), Andrea Favilli (Juventus) u Riccardo Marchizza (Roma) fallew il-penaltis tagħhom.