Daqt tkun magħna l-logħba tant mistennija għall-Juventini u s-sapporters ta’ Barcelona, li issa żdiedu bil-gzuz hekk kif Interisti, Napoletani u l-bqija tat-timijiet l-oħra biddlu l-fidi kalċistika tagħhom.

Kif għandhom jinżlu Juventus? Jattakkaw? Jiddefendu? Kawti? Aggressivi? Kif qal tajjeb Allegri, Juventus iridu jagħmlu kollox tajjeb. Sew jekk jattakkaw, sew jekk jiddefendu; mingħajr żbalji, speċjalment fid-difiża minħabba t-tliet aljeni li għandhom fuq quddiem il-Blaugrana.

Il-Katalani ħa joħorġu biex jattakkaw, żgur. Dik hija l-mentalità tagħhom u sew jekk jinżlu ma’ Real Madrid u sew jekk jinżlu ma’ Ħal Għaxaq, tlieta quddiem hija garanzija u jimmiraw li jiskurjaw ħamsa minn tal-inqas. L-importanti għalihom hu li jiskurjaw għall-inqas wieħed iżjed mill-avversarju.

Allura x’l-aħjar jagħmlu l-Bianconeri? Fl-opinjoni tiegħi, l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu Juventus hija li jippressaw għoli u jattakkaw. Għall-inqas, dak għandu jkun il-pjan fil-fortizza li hu l-Juventus Stadium. Il-pressjoni għolja, jekk imwettqa tajjeb, ma tħallihomx jirraġunaw u jqassmu kif jixtiequ huma. Apparti minn hekk, iġġegħelhom jiddefendu, xi ħaġa li mhux imdorrijin jagħmlu u huma ftit batuti fiha. Qalgħu tnejn ma’ Málaga, ħamsa ma’ PSG u tnejn ma’ Valencia riċentament. Id-difiża tagħhom mhix imbattibbli. Ma ninsewx ukoll li Sergio Busquets ħa jkun skwalifikat, pedina importantissima li tagħti bilanċ lit-tim. Pressjoni għolja tfisser ukoll iżjed żbalji u iżjed ċansijiet ta’ gowls.

Juventus iridu jkunu miċidjali fuq quddiem u kull nofs ċans ta’ gowl irid jissarraf jekk jista’ jkun f’żewġ gowls. Dan tim li ma tistax tafdah lanqas 50 metru ‘l bogħod mil-lasta. F’darhom, Juventus iridu jiksbu rebħa ta’ mqar 2-0.

B’dan ir-riżultat fil-Camp Nou, Juventus ikunu jistgħu jiddefendu u japplikaw il-kontrattakk hekk kif Barcelona jkunu jridu bilfors jiskurjaw tnejn. Jekk dak ikun il-każ, gowl wieħed min-naħa ta’ Juventus ikun jiswa mitqlu deheb hekk kif ipoġġi f’diffikultà serja lil Barcelona. Xorta jrid ikollhom mentalità offensiva għax mentalità difensiva tista’ taħdem kontra.

Fiż-żewġ partiti Juventus iridu jiffawljaw ħafna ‘l bogħod mill-kaxxa, jużaw moħħhom u anke xi mezzi li forsi mhux daqstant komuni. Iridu jkunu makakki u jużaw kollox favurihom. Iridu jiddakkru ftit minn Atlético Madrid. Ħajt fuq wara, ġiri fin-nofs u teknika u preċiżjoni fuq quddiem. Bla biża’ iżda konsapevoli tal-qawwa quddiemhom. Ma jridx iseħħ l-istess żball ta’ kontra Bayern Munich is-sena l-oħra. Meta Juventus attakkaw bla ħniena, sawtu lil Bayern. Kif bdew jiddefendu qalgħu l-gowls. PSG meta ħarġu fuq l-attakk tawhom erbgħa, meta ddefendew qalgħu sitta, għalkemm irnexxielhom jiskurjaw wieħed ukoll.

Bla dubju ħa tkun logħba ta’ 180 minuta, minn tal-anqas, sabiħa u miġġielda.

Ma naqtgħux qalbna. Kollox possibbli. Nemmnu fina nfusna u fil-kapaċitajiet tagħna. Forza Juve!

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280