Nibda anzi, qabel xejn, minn ftit minuti wara, fi tmiem il-partita. Meta ħafna Maltin, Anti-Juventini, bdew jieħdu r-ruħ fuq Facebook għax FL-AĦĦAR, wara battikata, inqalgħu l-Juve. Jifirħu bħalma nifraħ jien meta jinqalgħu t-timijiet li ma tantx jinżluli. Imma qrajt din it-tweet li turi l-verità moħbija ta’ ħafna Milanisti u Interisti bħalissa. Li iżda żgur mhux se jammettuha. Tweet ta’ ġurnalist rispettat Taljan, Andrea Vianello, li tgħid bejn wieħed u ieħor “Ħbieb Juventini, bħala Milanist, naċċertakom li għalkemm kienu diżappunti kbar, logħbiet hekk bħal dawn nixtiequ ngħixuhom kollha kemm aħna. Rispett”. Ħafna partitarji avversarji jridu jaqrawha sew, jifhmuha u jaħsbu. Għax tammetti jew le, jafu u konxji li l-Juve huma l-preżent, fl-Italja żgur, fl-Ewropa kważi. Ħaddieħor irid jibqa’ jiggranfa mal-passat, sena wara sena u jsaqsi “it-tim tiegħi meta se jerġa’ jibda jgħix logħbiet bħal dawn?”

Issa wara li FORSI ħafna Juventini bdew ġejjin f’tagħhom, inkomplu naħsbu fuq il-partita tal-bieraħ. Qabel xejn kemm kont kważi profetiku jiena fl-aħħar artiklu li ktibt. Li partita hija wkoll kwistjoni mentali, psikoloġika. Juve perfetti tattikament u mentalment sakemm qalgħu l-ewwel gowl, imbagħad intilfu, żbaljaw u waqa’ l-ħajt. Imma hemm fatturi oħrajn u importanti. Qabel xejn kemm tiswa l-KWALITÀ. Tal-plejer fit-tim tiegħek. Il-fuoriclasse, id-differenza dejjem jagħmilha f’partiti hekk. Ribery-Douglas Costa-Lewandowski-Muller (li qabel il-gowl lanqas biss kien deher)… Juventus jonqoshom dak il-plejer, tnejn, biex jissudaw it-tim preżenti mimli diġà bi plejers bravi u validi. Kuraġġ Marotta – Agnelli, l-aħħar sforz.

Il-FORTUNA. Spiss, ħafna drabi, tgħin lill-aqwa tim. U fl-aħħar mill-aħħar il-Bayern hu l-aqwa tim u għenithom. Anki għax kontra timijiet hekk ma tista’ tiżbalja xejn.

REFERIS. Min jafni jaf kif nitkellem. Li wara partita hekk titkellem fuq ir-referis hija mentalità bażwija Taljana. Veru li l-Juve sofrew deċiżjonijiet kontrihom f’dawn iż-żewġ logħbiet, imma nqalgħu għal affarijiet oħra, mhux fuq hekk. Xi kultant trid tammetti anki s-superjorità u l-kwalità tal-avversarju.

Wara lbieraħ terġa’ tinduna, għal darb’oħra, kemm il-futbol hu SABIĦ…imma wkoll ferm IKRAH u KATTIV. Tikkonsla billi taf li l-Juve qegħdin kważi, kważi, hemm. Livell inqas biss mill-Bayern u Barcelona. U min qatt seta’ jimmaġina din sa ftit snin ilu? Tikkonsla wkoll għall-fatt li taf li s-sena d-dieħla l-Juve se jerġgħu jkunu hemm, se jerġgħu jippruvaw. U mhux kulħadd jista’ jgħid hekk. Għax din it-tazza, għalkemm għadni taħt xokk u ma rkuprajtx wara l-logħba tal-bieraħ, hi sabiħa wisq!

P.S. Dan l-artiklu, bil-paroli (forsi fil-vojt) kollu li ktibt, ma kien ikun xejn li kieku fil-WIEĦED U DISGĦIN minuta Evra qabad u spara dak il-ballun fis-smewwiet, imqar fl-istands tal-Arena. Mumenti u episodji li jbiddlu kollox. Mhux li kieku.

Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.