Sfida oħra. Anzi forsi din hija L-ISFIDA. Il-partita kontra l-Bayern tista’ tagħti żvolta lill-futur tat-tim Juventus, għal dan l-istaġun u iżjed u iżjed għall-istaġuni li ġejjin. Ħafna issa qed jistennew dik il-‘qabża’ minn dan it-tim u minn dawn il-plejers anki fl-Ewropa. Li l-Juventus jibdew jiddominaw anki hemm, mhux biss f’pajjiżhom, imma fil-kontinent kollu, fl-iktar tazza importanti għall-klabbs.

Il-problema, u mhux ftit, hu l-avversarju. FC Bayern München. Wieħed miż-żewġ timijiet (flimkien mal-Barcelona) li kulħadd xtaq jevita. Il-Juve ġa daqu l-forza tagħhom fl-Istadium tliet ġimgħat ilu. Fl-ewwel siegħa logħob bilkemm qabdu art, bejn tiki-taka, ċansijiet ta’ gowls, u ballun li spiċċa darbtejn fix-xibka. L-affarijiet inbidlu, eżatt wara s-siegħa logħob. Żball fid-difiża ta’ Bayern u Dybala ma ħafirx. Gowl li biddel il-kumplament tal-partita, anzi tal-kwalifikazzjoni. Mhux minħabba li wasal il-gowl tad-dro ta’ Sturaro imma għax iċ-ċertezzi bdew jaqgħu, bdew jitkissru…

Bejn it-tnejn, il-Bayern hu l-aqwa tim, bil-qabda. U fit-tieni rawnd se jkollhom kollox favurihom, l-Allianz Arena u żewġ gowls away, skurjati f’Turin. Imma fl-ewwel rawnd il-partita wrietna kemm il-futbol hu fuq kollox anki partita PSIKOLOĠIKA. U hawn fejn nispera li l-Juve tgħallmu u nbidlu. Nemmen li ħafna miż-żelqiet ta’ Juventus dan l-istaġun kienu prinċipalment kwistjoni mentali, nuqqas ta’ karattru. Sa mill-bidu ħażin tal-istaġun, għall-ewwel partita kontra l-Manchester City fiċ-Champions League. Il-Juventus għaddew min-nuqqas ta’ modestà f’ċertu logħbiet fis-Serie A, għax “aħna għadna l-aqwa tim”, għall-biżà fiċ-Champions League għax ġew fi grupp iebes u kien importanti ma titlifx l-ewwel logħba kontra l-forza tat-tim tal-Etihad, Manchester City (għal min nesa, f’Settembru, bħal kontra l-Bayern, Juve kienu diżastru sal-ewwel siegħa, imbagħad finalment qamu u rebħu l-partita 2-1 fl-aħħar minuti).

L-istess ġara f’aktar partiti deċiżivi bħal kontra s-Seville, “l-importanti li ma nitilfux…” sakemm Llorente waħħalulna u wara kien tard wisq. L-istess kontra l-Inter fil-Coppa Italia, “u iva, vantaġġ komdu, għaddejna żgur…” u ara x’battikata!

L-ikbar sfida hija dik psikoloġika. U mhux faċli meta se tilgħab kontra tim, il-Bayern, li jekk tiftaħlu jista’ jagħtik xi sebgħa (staqsi lir-Romanisti, dawk jafu xi jfissru). Imma din issa mhux kwistjoni ta’ Bayern jew Carpi. Imma hi kwistjoni li l-plejers Juventini jridu jilagħbu l-logħba tagħhom. Ħafna minn dawn l-istess plejers iridu jiftakru li rebħu taħt Antonio Conte fi ftit żmien ilu meta ma kinux ikkunsidrati l-aqwa. Imma bl-ispirtu u d-determinazzjoni waslu. Dawn l-istess plejers li ftit xhur ilu baqgħu telgħin sal-Finali tal-istess tazza, b’sorpriża ta’ ħafna.

Issa ċ-ċans. Jemmnu fihom infushom. Jemmnu li jistgħu jerġgħu jiskorjaw u anki jirbħu fil-Ġermanja kif il-Juve għamlu diġà fil-passat. Mingħajr biża’. Mhux faċli. Imma dik hija l-ikbar sfida. Jegħlbu dik u dan it-tim jista’ jasal fejn irid. U jekk ma jaslux almenu jkunu jistgħu joħorġu b’rashom mgħollija u bla ebda dispjaċir.

NIENTE PAURA.

Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.