F’dinja, anki dik tal-futbol, iddominata mill-flus, tinduna li llum iktar milli qatt qabel, partita futbol ma tintrebaħx biss fil-grawnd biż-żewġ timijiet li jibdew il-partita 11 vs 11.

Imma klabb tal-futbol huwa azjenda, kumpanija. U hemm tidħol il-partita l-oħra bejn it-timijiet. Dik tal-marketing. Tgħiduli: imma dik mhux minn dejjem kienet hemm? Ilna żgur mis-snin sebgħin u tmenin bl-isponsors personali tal-plejers u bir-reklami fuq il-flokkijiet. Iva. Imma f’dawn l-aħħar snin, speċjalment grazzi għall-midja soċjali, ħadet dimensjoni oħra. Issa nistgħu naraw kemm tim hu segwit anki mill-paġni uffiċjali tagħhom ta’ Facebook, Twitter u Instagram. Tinduna wkoll li fl-aħħar mill-aħħar, taqta’ xi eċċezzjonijiet, xorta l-istess timijiet kbar jiddominaw dawn il-klassifiċi. Iż-żewġ Spanjoli, l-Ingliżi bil-United fuq quddiem u l-Bayern. U tinduna kemm qegħdin lura t-Taljani u s-Serie A. Li kieku dawn il-klassifiċi għamluhom xi 15-20 sena ilu kienu jiddominaw it-Taljani. Kieku. L-istess bħalma bħalissa huma lura f’kull klassifika oħra: tad-dħul, l-income u r-revenue, merchandising, bejgħ ta’ flokkijiet eċċ., eċċ. L-unika eċċezzjoni, pożittiva fl-Italja, huma Juventus li qegħdin jippruvaw jikkompetu mal-ġganti Ewropej l-oħra, bid-diffikultajiet kollha tagħhom.

U f’dan kollu jidħol Paul Pogba.

Mhux se nidħol fil-mertu ta’ kemm hu midfielder tajjeb, jekk huwiex fost l-aqwa plejers fid-dinja jew le. Jekk jiswiex verament 100 miljun. Imma l-importanza tiegħu tidħol ukoll fil-marketing u fl-istrateġiji tas-soċjetà Juventus Football Club S.p.a. Illum ħareġ artiklu fejn skont l-esperti Amerikani ta’ SportsPro, Paul Pogba huwa l-IKTAR plejer li jattira sponsors, studju li jagħmlu kull sena u jismu “World’s most marketable athlete”. Anzi mhux biss, Pogba huwa l-isportiv fit-tieni post, wara biss Steve Curry, l-istilla Amerikana tal-Warriors fl-NBA. L-ewwel plejer wara Pogba huwa l-Brażiljan Neymar fit-tmien post. Iktar minn Messi, Ronaldo, eċċ.

Mhux ta’ b’xejn li Juve jdaħħlu u jisfruttaw lil Pogba f’kull reklam u filmat li jagħmlu. Araw l-uċuħ mal-flokkijiet il-ġodda ta’ din is-sena. Araw l-Adidas kemm tawh u kemm qed jużaw l-image tiegħu. Strategija ġdida u riċenti ta’ Juventus, din li jagħtu importanza lill-marketing u jixtru jew iżommu plejers skont l-ismijiet. Sewwa jagħmlu. Bilfors trid tagħmel hekk biex tikkompeti. Almenu jien min-naħa tiegħi, ma niftakarx li Juve qatt xtraw isem kbir “biex ibigħu l-flokkijiet” bħalma klabbs oħra kienu jixtru lil Beckham jew xi Ġappuniż. Jew bħalma jagħmlu r-Real li jixtru “stilla” waħda ta’ bilfors kull sena. Milan ta’ Berlusconi fl-Italja din dejjem kienu tajbin fiha (u għadhom, minkejja r-riżultati).

Juventus, “i campioni”, dejjem għamluhom huma. Eċċezzjoni forsi l-aħħar snin tat-Triade ta’ Moggi, Giraudo u Bettega, fejn Juve bdew jixtru l-plejers aktar stabbiliti. L-istess Pogba fuq kollox, il-mertu hu kollu tal-istess Juventus u d-diriġenti attwali bravi tagħha li ġabuh hemm fuq.

F’dawn l-aħħar snin l-“uomo immagine” tal-Juventus madwar id-dinja kien l-etern Alex Del Piero li ismu se jibqa’ marbut ma’ Juventus. Imbagħad wara kien hemm Pirlo u Tevez, li bihom Juve ħadu dimensjoni oħra anki f’dan l-aspett. Għad fadal Buffon, forsi Chiellini u Morata, u ftit stilel internazzjonali oħra. Jien dejjem nirraġuna hekk: jekk wieħed li ma tantx isegwi l-

futbol, xi Amerikan jew Ċiniz, li mhux bħalna kull ġimgħa joqgħod jifraħ jara jilgħab anki lil Padoin, imur biex jixtri flokk tal-Juve, ta’ min se jagħmel isem fuq wara? Probabbli llum jagħmel ta’ Pogba. Mela qabel ibigħu lil Pogba, Juventus ma jridux jaraw biss liema plejer f’nofs il-grawnd jista’ jeħodlu postu, imma anki liema “stilla internazzjonali” tista’ teħodlu postu u tbigħ. Dak li jqajjem l-entużjażmu u jħalli l-flus anki permezz tal-marketing. U jekk verament jiġi Dani Alves ikun sinjal tajjeb anki għalhekk. U din Juve jafuha. U hemm hi l-problema tas-Serie A bħalissa, li ftit plejers internazzjonali u magħrufa qegħdin jaċċettaw li jiġu jilagħbu l-Italja.

Tgħiduli bla wisq stilel, Atlético ma waslux fil-finali? Leicester ma ħadux il-kampjonat Ingliż? Veru, imma din hija kompetizzjoni oħra, li tmur lil hinn mir-riżultati fil-grawnd, minn sempliċiment logħba ta’ 90 minuta. Juve qed jirbħu fil-grawnd, imma hi aktar iebsa biex tirbaħ f’din ukoll. Għalkemm qegħdin fit-triq it-tajba u d-differenza qed tonqos. U jekk taraw l-isponsors tal-istess Atlético u tal-Leicester tindunaw li l-bażi ta’ dawn il-klabbs hi waħda soda, ma waslux s’hemm kumbinazzjoni, u wara din is-sena l-valur tal-isem tat-tim għola, u għola ħafna. Li jibqa’ Pogba tgħin. U kif!