Iva, Juventus rebħu l-kampjonat Taljan. Għall-ħames staġun konsekuttiv. Avolja sa sitt xhur ilu ħadd ma emmen. U bejn l-aħħar u l-ewwel Scudetto, dak ta’ ħames snin ilu, ma nafx liema nagħżel bħala l-isbaħ. Dan sabiħ għax ħafna ħasbu li ċ-ċiklu kien spiċċa. Li l-Juve biddlu ħafna. Li kienu Tevez jew Pirlo-dipendenti. Li fl-aħħar kien imiss li jirbħu Roma jew Napoli. U finalment…reġgħu rebħu (u ddominaw) il-Juve.

Iva, intemm kampjonat ieħor. Imma issa l-mistoqsija hi: Meta se jintemm id-dominju ta’ Juventus fis-Serie A? Dik hi l-problema; sintendi, għat-timijiet l-oħra u l-partitarji tagħhom.

Għal min għandu memorja qasira jew ma jafx, ibdew billi kkunsidraw u ftakru f’10 snin ilu, Mejju 2006. Il-Juve wkoll kienu Campioni d’Italia, bl-aqwa tim fl-Ewropa (morru sibuli tim u kowċ aħjar fid-dinja ta’ dak iż-żmien!) Il-Juve kienu t-tielet l-iktar klabb (wara Real u Barça) bi dħul fid-dinja. Imbagħad, f’daqqa waħda, għal gost ta’ ħafna għedewwa, id-dinja Juventina kkrollat. ‘Calciopoli’, Serie B, plejers u sponsors li telqu, u bidla sħiħa fis-soċjetà. U proprju minn hemm beda l-qamwien, ‘il Rinascimento’ tal-Juventus, li qed iħalli, meritatament, il-frott illum. Id-diriġenza ġdida xammru l-kmiem, beda x-xogħol, inqas paroli u iżjed fatti. Bi snin ta’ prova wkoll, ovvjament… ta’ seba’ post fil-klassifika. Li bihom tgħallmu. Ir-rivali sfruttaw iż-żelqa Juventina ta’ dak iż-żmien u rebħu tal-aħħar. Imma raw biss sa mneħirhom. Waqt li l-Bianconeri le. Bdew l-għażliet tajbin mis-soċjetà Juventus, l-ippjanar għall-futur, il-grawnd ta’ proprjetà tagħhom u beda ġej anki r-rebħ.

Semmejt dan biex tidħlu fil-perspettiva tal-bravura ta’ Juventus. F’dawn l-aħħar għaxar snin timijiet Taljani oħra setgħu jkomplu jibnu fuq is-suċċessi tagħhom, imma minflok…

“U Juventus mhux waħedhom jilagħbu fl-Italja?” Sorry, skużani, erġa’ għidli? U dan jiġi tort ta’ Juventus? L-ikbar insult possibbli!

Għax l-ISTRAPOTERE tal-Juve fis-Serie A f’dawn l-aħħar snin hu kollu mertu tagħhom u dimertu tal-klabbs l-oħra. X’inhu l-fattur komuni f’dawn l-Iscudetti kollha? Is-Soċjetà. Diriġenti serji u soċjetà eżemplari, l-iktar waħda, bla ebda dubju. Ippjanar fit-tul, b’taħlita ta’ plejers veterani u bl-aqwa plejers żgħażagħ Taljani, tal-preżent u tal-futur.

“U iva, u fl-Ewropa ma tirbħux, qatt ma tagħmlu xejn!” Ehmm…ċerti? Jekk hemm tim wieħed Taljan li hu rikonoxxut u hu realtà fl-Ewropa f’dawn l-aħħar snin, hu proprju l-Juventus. U dan bil-problemi kollha li hemm fl-Italja, qegħdin xorta ħafna lura meta mqabbla maż-żewġ timijiet Spanjoli, Bayern u top teams Ingliżi. Issa dak hu l-objettiv li jmiss. Tagħmel id-diffiċli, u tara kif se tikkompeti ma’ dawn il-ġganti. Fadal biss l-aħħar tarġa.

Jalla jiġu fis-Serie A l-miljunarji Ċiniżi, Tajlandiżi u Amerikani, flimkien ma’ De Laurentis u sħabu, ħalli jsaħħu l-kampjonat Taljan għax hekk hemm bżonn. Għax l-ikbar problema għat-timijiet l-oħra fis-Serie A mhux li Juventus (reġgħu) rebħu, imma min se jwaqqafhom. U m’iniex, u ma rridx inkun arroganti.

Nista’ nkun żbaljat. Tgħallimt li fil-futbol, bħal fil-ħajja, ir-rota ddur. Persważ u ma hemm xejn ħażin. Imma għalissa qed naraha diffiċli.

Nitkellmu sena oħra.