Waqt li kull stazzjon u aġenzija tal-aħbarijiet sportivi Taljani kienu qegħdin iħabbru l-firma imminenti ta’ Gonzalo Higuaín mat-tim ta’ Juventus għaċ-ċifra mostruża ta’ €94 miljun, ġewwa Melbourne, l-istess tim kien qiegħed jinawgura l-istaġun 2016/17 b’partita ta’ ħbiberija kontra l-Awstraljani ta’ Melbourne Victory, waħda miż-żewġ skwadri prinċipali tal-belt Awstraljana wara Melbourne City.

Ma kinetx skwadra komposta mill-aqwa plejers, anzi pjuttost Massimiliano Allegri għamel użu miż-żgħażagħ li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, fejn ta’ min jirrimarka li ħalla lil Miralem Pjanić u Medhi Benatia fuq il-bankina. Personalment, xtaqt nieħu spunt minn din il-partita sabiex nanalizza fil-qosor, dejjem fl-opinjoni tiegħi, l-andament ta’ dawn iż-żgħażagħ li s-sena l-oħra kienu determinanti fir-rebħ tat-turnew ta’ Viareggio u anke fil-battalja għall-kampjonat tal-istess kategorija.

Nibdew billi nsemmu l-plejers skont l-irwoli fil-grawnd, b’ Emil Audero jkun l-ewwel wieħed. Goalkeeper li ta’ kull sajf narawh mat-tim tal-kbar jittrenja u dejjem insaqsu meta u x’ħa jsir minnu dan il-goalkeeper. Sadanittant, illum stajna nerġgħu narawh mill-viċin hekk kif lagħab l-aħħar minuti wara li ħa post Neto. Kien inċert f’żewġ okkażjonijiet, u fl-għoti tal-penaltis irnexxielu jilqa’ l-ewwel penalti tal-Awstraljani. Wasal iż-żmien li jmur ma’ klabb fis-Serie B, sabiex kif jgħidu t-Taljani, ‘si fa le ossa’, f’dan il-każ jimmatura fuq livell ta’ futbol adult.

Fid-difiża rajna lil Yoan Severin u Pol Lirola fuq iż-żewġ naħat fl-ewwel taqsima, b’dan tal-aħħar ikun l-iżjed wieħed avventuruż u propożittiv matul il-partita, fejn kompla jikkonferma li kapaċi jagħmel karriera tajba u għaliex le, bil-flokk abjad u iswed. Fit-tieni taqsima, ċedew posthom għal Giulio Parodi u Carlos Blanco Moreno. Ma hemmx bżonn ngħidu min ħalla l-iżjed impatt, hekk kif l-Ispanjol ftit minuti wara li daħal, fetaħ l-iskor b’gowl impressjonanti fejn qabbeż il-ballun lill-goalkeeper minn qabel iċ-ċirku ta’ nofs il-grawnd. Kollettivament, fit-tieni taqsima d-difiża wriet in-nuqqas ta’ esperjenza tagħha kontra plejers li kull ġimgħa jilagħbu fil-futbol tal-kbar, għaliex ċertu daħliet ma kinux aggressivi daqs kemm suppost u kien hemm ċertu żbalji fit-tempiżmu wkoll, ‘guarda caso’, il-gowl konċess ġie minn nuqqas ta’ qari tal-azzjoni tal-Awstraljani min-naħa tal-komponenti tad-difiża.

Matteo Vitale, Roman Macek, Grigoris Kastanos u Luca Coccolo ffurmaw il-midfield wara l-intervall. Vitale ħa post Hernanes, fejn jekk il-Brażiljan kien inviżibbli, iż-żagħżugħ Taljan ma tantx deher lanqas u xi kultant kien nieqes mil-logħba, bħal ma kien ukoll iċ-Ċiprijott Kastanos, li iżda kien qiegħed jilgħab f’pożizzjoni mhux daqshekk naturali għalih, u forsi bata minn dak l-aspett. Hawnhekk forsi ħa nkun tikka ‘biased’, iżda Macek fil-mumenti li kellu, wera x’kapaċi jagħmel kemm bil-ballun kif ukoll mingħajr ballun, fejn kien bravu biżżejjed biex issibu f’kull spazju possibbli. Plejer li għad baqagħlna x’nisimgħu bih, u jalla mhux sejjer żbaljat. Coccolo, li ħa post Alex Sandro, ovvjament għad ma għandux il-livell tal-eks Porto, iżda ma ħalliex impressjoni ħażina fuq il-linja, anzi, kien plejer li pprova jgħin minn dik il-linja, speċjalment fil-crosses.

Fl-ewwel taqsima, Alberto Cerri beda fl-attakk ma’ Paolo Dybala, iżda sfortunatament naqas mill juri x’jaf. Kien nieqes mill-partita u deher darba biss prattikament, meta permezz t’azzjoni personali, ġiegħel lill-goalkeeper Awstraljan jagħmel save fuqu wara xutt minn tarf il-kaxxa. Fit-tieni 45 minuta, Lorenzo Rossetti u Stefano Padovan iffurmaw it-tandem t’attakk, b’tal-ewwel ikun pożittiv fejn anke impenja lid-difiża Awstraljana, mentri t-tieni wieħed kien tikka nieqes mil-logħob.

Fuq nota pożittiva, xtaqt nieħu spunt mis-sitwazzjoni ta’ Luca Marrone, fejn apprezzajt li fit-tieni taqsima lagħab bil-faxxa ta’ captain. Plejer illi kiber fil-cantera Juventina u li ġieli rajnieh fit-tim tal-kbar, iżda minħabba injuries twal u forsi xi kultant nuqqas ta’ kariżma, għadu ma għamilx il-qabża ta’ kwalità.

dical-banner-1200×280