Wara rebħa kontra Southampton, Leicester kabbru l-vantaġġ għal 7 punti meta baqa’ biss 6 logħbiet. Claudio Ranieri stess ammetta li issa d-destin huwa f’idejhom.

L-eventwali rebħ tal-kampjonat ikun l-inkurunazzjoni ta’ snin twal ta’ xogħol u jkun l-epitoma tal-ħolma klassika tal-futbol; dik li tim ‘ħażin’ u meqjus bħala konkorrent biex jaqa’ jirbaħ il-kampjonat u jikteb paġna ta’ storja.

Min iħobb il-futbol din is-sena jżomm ma’ Leicester u jispera li huma jirbħu l-kampjonat. Ir-raġuni għaliex qed ngħid hekk hija waħda sempliċi; dan il-vjaġġ minn League One s’issa huwa ħolma u l-klassika ħrafa tal-kotba.

Min ma ħolomx li xi darba jirbaħ il-lig jew xi tazza ma’ klabb tal-futbol? Min qatt ma lagħab FIFA u għażel tim minn League Two jew One u tellagħhom Champions League? Min ma ħolomx, anke issa li forsi għandu 24, 25 jew 30 sena li jilgħab logħba professjonali? Ma ninsewx li Vardy ntrema minn Sheffield Wednesday meta kellu 16-il sena u baqa’ baqa’ sakemm wasal Premier League ta’ 28 sena. Anzi, li kważi żgur hu t-top scorer tal-Premier League. Li hu, flimkien ma’ Mahrez, ħa jwassal lil Leicester fiċ-Champions League u probabbilment fil-quċċata tal-futbol Ingliż.

Għalkemm mhux fatta li ħa jieħdu l-lig, żgur ħa jilagħbu Champions League is-sena d-dieħla. Għamlu dan kollu b’tim li jiswa daqskemm jaqla’ Rooney fi ħmistax jew ftit iżjed.

Leicester rebħu l-qlub ta’ ħafna nies speċjalment ta’ nies newtrali jew li jżommu ma’ tim ‘il barra mill-Premier League. Il-paġna popolari ta’ Facebook Calciatori Brutti ħa torganizza wkoll ċelebrazzjonijiet li jitilqu mill-Italja sa Leicester bil-karozza. Għalkemm din probabbilment mhux ħa ssir, juri l-entużjażmu u kemm min verament iħobb il-futbol, iżomm ma’ Leicester.