Ilbieraħ ġew fi tmiemhom il-partiti tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League u b’hekk sirna nafu min għadda għas-semifinali; Monaco, Real Madrid, Atlético Madrid u, wara wirja ta’ superjorità u qlubija, Juventus.

Dawn it-timijiet ħa jintefgħu fl-urna ta’ Nyon nhar il-Ġimgħa 21 t’April u għall-ħabta tal-ikla ta’ nofsinhar jitilgħu l-poloz. Min l-aħjar għal Juventus? Hawn taħt ħa nagħmel analiżi statistika qasira ta’ kull tim, inkluż ta’ Juventus, li tikkonċerna kemm il-lig nazzjonali kif ukoll iċ-Champions League, u kummenti fil-qosor dwar kull tim.

Ħa nagħmel ukoll tabella ta’ din l-istatistika u fiha wkoll nassenja punti – rebħa 3 punti, dro punt u telfa 0 punti.

Monaco

Bla dubju dan it-tim hu s-sorpriża ta’ din l-edizzjoni. Ġewwa Franza Monaco lagħbu 32 partita, rebħu 24, 5 dro u tilfu 3 biss. F’dawn il-logħbiet huma skurjaw 90 gowl u qalgħu 27. Fl-Ewropa, taqta’ barra l-logħob ta’ kwalifikazzjoni, lagħbu 10 u minn dawn rebħu 6, ġew dro 2 u tilfu 2. Skurjaw 21 gowl iżda qalgħu 16-il wieħed, b’darba biss iżommu x-xibka tagħhom bla mittiefsa.

Dan ifisser li kull logħba t-tim Franċiż jiskurja 2.6 gowls, statistika impressjonanti, iżda jaqla’ gowl kull logħba, statistika impressjonanti fin-negattiv. Dan it-tim jinżel dejjem ultra offensiv, biex jiskurja u jirbaħ, iżda ftit jimpurtah mid-difiża. L-aqwa li jiskurja wieħed iżjed mill-avversarju u jkun kuntent. Il-plejer li qiegħed iġorr lil Monaco fuq spalltu hu Mbappé, żagħżugħ ta’ 18-il sena bi statistiċi impressjonanti. F’36 logħba tul il-kompetizzjonijiet kollha skurja 22 gowl u għamel 11-il assist. Monaco huwa tim żagħżugħ, ‘ardit’, bla esperjenza iżda wkoll bla pressjoni. M’għandu xejn x’jitlef.

Real Madrid

Iċ-champions preżenti, l-iżjed tim li qatt rebaħha, hemm fih l-ewwel plejer li għaqqad il-100 gowl fiċ-Champions League, b’teknika ta’ barra minn hawn u fiżiċità kbira. Bħalissa jinsabu l-ewwel f’La Liga wara 31 logħba milgħuba, 23 rebħa, 6 droijiet u 2 telfiet. Matulhom skurjaw 82 iżda qalgħu 33. Fl-Ewropa rebħu 7 u ġew dro 3 darbiet mingħajr l-ebda telfa s’issa. Impressjonanti. Skurjaw 28 gowl u qalgħu 15.

Il-Merengues allura jiskurjaw 2.7 gowls kull partita u jaqilgħu 1.2 gowls. Numri kważi identiċi għal tal-Monaco, iżda b’partita inqas. Għal darb’oħra jidher li din hija skwadra li tivvjaġġa bil-100 kilometru fis-siegħa bil-għan li tiskurja iżjed mill-avversarju, bi ftit attenzjoni fuq wara. Għalkemm skurjaw wieħed inqas u qalgħu iżjed, anke bħala medja, għandhom punti izjed mill-Monaco. Real Madrid, iżda għandhom ħafna pressjoni minn kull naħa, u jekk ma jirbħuhiex ikun falliment.

Atlético Madrid

In-naħa bajda u ħamra ta’ Madrid qiegħda fit-tielet post b’logħba iżjed, 10 punti taħt tal-ewwel, Real Madrid, prattikament mingħajr ċans li jieħdu l-lig. Wara 32 partita fil-lig Atlético rebħu 19, ġew dro 8 darbiet u tilfu 5. Skurjaw 59 biss iżda qalgħu 24, 9 inqas minn Real. Wara 10 logħbiet Ewropej rebħu 7, ġew dro 2 u tilfu 1. Skurjaw biss 13 u qalgħu 5.

Il-medja hija ta’ 1.7 gowls favur kull logħba u 0.7 biss kontra kull logħba, differenza kbira miż-zewġ timijiet l-oħra. Iżjed mentalità difensiva, li f’lig forsi ma tantx twassal għal riżultati pożittivi ħafna, imma f’din il-fażi ta’ “jew ġewwa jew barra” jaf tagħmel differenza kbira. Bi kważi 2 gowls kull logħba u xejn kontra, Atlético huwa tim perikoluż ħafna biex taffrontah fuq żewġ logħbiet hekk kif mhux se jkun sfurzat jinfetaħ ħafna biex jattakka u konsapevoli li ħa jiskurja żgur minn xi korner, xi free kick dirett jew xi kross insidjuż.

Atlético huwa wkoll tim magħqud li għalkemm għandu lil Griezmann, xorta jagħmel mis-saħħa tat-tim il-forza tiegħu. Bl-ebda ċans ieħor għal tazza ħlief din, Atlético ħa jserrħu fil-lig u jinżlu b’ħeġġa għaċ-Champions League, fatt li jagħmilhom avversarju perikoluż.

Juventus

64 gowl favur u 20 biss kontra wasslu biex Juventus qegħdin l-ewwel fl-Italja wara 32 logħba b’26 rebħa, 2 dro u 4 telfiet. Il-lig prattikament magħluq iżda, sakemm il-matematika ma tgħidx mod ieħor, dan ma jfisser xejn. Fl-Ewropa huma l-inqas tim li qala’ gowls bi 2 biss, u skurjaw 17. Importanti ngħidu li Buffon ma qalax gowls darbtejn, tabilħaqq kontra l-MSN, fis-7 rebħiet u 3 droijiet s’issa.

Juventus għandhom l-aqwa difiża b’mod assolut u t-tielet l-aqwa attakk bi kważi żewġ gowls ċerti kull partita. Dan ifisser li kull min jaqla’ gowl ma’ Juventus jaf li ħa jsibha bi tqila biex idawwar ir-riżultat. Bil-punti—din ma stennejthiex—Juventus qegħdin l-ewwel ukoll, anke jekk Real Madrid jirbħu oħra. Wara l-wirja kontra Barcelona, fejn lanqas l-iżjed bniedem li ma jifhimx fil-futbol kien jgħid li Barcelona ħa jiskurjaw, nisslu biża’ fl-oppożizzjoni. 3-0 mhux ċajta.

Konklużjoni

Meta nqis kollox, ikolli ngħid li Juventus aħjar jilagħbu kontra Real Madrid. Għalkemm għandhom l-aqwa attakk, għandhom l-agħar difiża. Għandhom ħafna x’jitilfu u allura ħafna pressjoni. F’dawn l-aħħar snin ukoll, Real Madrid qatt ma qalgħu lil Juventus fil-fażi tal-eliminazzjoni.

Hija ħafna eħfef tilgħab fuq żewg logħbiet ma’ Real milli fuq logħba waħda. Meta tara l-oħrajn, ukoll, tasal bi proċess t’eliminazzjoni. Monaco jinżlu biex jieħdu gost u jipprovaw, tim bla pressjoni jaf jgħaġġeb bħalma għaġġbu Leicester. Lil Atlético iebsa ħafna tirbħilhom fuq żewġ logħbiet hekk kif jingħalqu tajjeb ħafna u din l-unika tazza li għandhom ċans għaliha. Barra minn hekk, jekk Juventus jgħaddu minn fuq Real Madrid għall-finali, dan ħa jwassal għal pressjoni psikoloġika għat-tim l-ieħor, xi ħaġa li ma ssirx jekk jgħaddu minn fuq Monaco.

Ħaġa waħda ċerta, li kull tim iebes la wasal s’hawn, kull logħba storja għaliha, u jekk jilagħbu kif suppost, Juventus għandhom ċans.

LM = Logħbiet Milgħuba
R = Rebħa
D = Dro
T = Telfa
GF = Gowls Favur
GK = Gowls Kontra
GFKP = Gowls Favur Kull Partita
GKPP = Gowls Kontra Kull Partita
PTI = Punti

Informazzjoni miġbura minn fuq: uefa.com, transfermarkt.com, juventus.it, whoscored.com

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280