Free kick spettakolari ta’ Gabriele Bove fil-95 minuta rregala t-tliet punti lit-tim tal-Primavera mmexxi minn Fabio Grosso, fl-ewwel partita mill-edizzjoni tal-2016/2017 tal-UEFA Youth League kontra t-tim ta’ Seville.

Fl-istaġun li għadda, Juventus kienu nqalgħu mill-gruppi ta’ din il-kompetizzjoni, minħabba l-istess avversarji, hekk kif Seville kienu rebħu darbtejn bl-iskor ta’ 1-0. Dan kollu żied mal-ingredjenti sabiex din il-partita tkun iżjed intriganti u anke kienet prova ta’ maturità għal ċertu plejers ta’ Juventus, li kienu qegħdin jilagħbu għat-tielet darba f’din il-manifestazzjoni, fosthom Grigoris Kastanos, li bħalissa għandu għajnejn it-tim ta’ Manchester United fuqu.

Iggwidati mill-kaptin Simone Muratore, Juventus fetħu l-iskor kontra x-xejra tal-logħob grazzi għaż-żagħżugħ ta’ 16-il sena Moise Kean, li bħalissa jinsab suġġett ta’ kontroversja bejn Juventus u l-aġent tiegħu, ċertu wieħed Mino Raiola (Ismu jdoqqilkom naħseb, hux?), wara li rċieva mingħand iċ-Ċiprijott Kastanos.

Madankollu, Seville baqgħu l-aħjar tim fil-grawnd u ma kinetx sorpriża meta kmieni fit-tieni taqsima, sabu l-gowl tad-draw grazzi għal José Mena, wara li l-kross li minnu huwa kkapitalizza, għadda minn fuq iż-żewġ difensuri ċentrali ta’ Juventus. Meta kollox deher mitmum, b’Juventus jieħdu punt biss minn din l-isfida, Bove kellu ideat oħra, meta bi free kick stupend a la Del Piero minn fuq il-linja tal-kaxxa, tefa’ f’delirju ta’ ferħ lill-partitarji Juventini u anke lil sħabu stess taħt dulluvju xita li ħakem Vinovo.

Juventus qatt ma għaddew mill-fażi tal-gruppi ta’ din il-kompetizzjoni u din ir-rebħa kapaċi tkun strumentali biex tkisser dan it-tabù. Nittamaw li din ix-xorti tidħak anke lit-tim ta’ Massimiliano Allegri, forsi … (tafu xi rrid infisser).

Punti pożittivi:

 Moise Kean ikkonferma ruħu bħala plejer tal-mumenti, hekk kif meta l-iżjed li kellhom bżonnu ħa r-responsabbiltà u tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ.
 Gabriele Bove kien wieħed mis-sostituzzjonijiet ta’ Fabio Grosso fit-tieni taqsima, super sub.
 Il-fortuna. Juventus dejjem batew f’din il-kompetizzjoni, iżda din ir-rebħa kapaċi tkun fundamentali biex jibnu fuqha u jiksbu kwalifikazzjoni storika.

Punti negattivi:

 Id-difiża batiet ħafna meta ġiet biex tiddefendi, b’mod partikolari Pietro Beruatto fil-1 vs 1 u anke fl-aspett tal-karattru, hekk kif beda juri ħafna nervożiżmu fl-aħħar battuti tal-partita, f’mument fejn trid tkun iżjed luċidu.
 Inaspettabbli, però Kastanos ma spikkax ħdejn is-soltu. Żamm wisq il-ballun u kien narċissist f’ċertu mumenti. Nispera li mhux diġà qiegħed ibati minn xi ‘mal di pancia’ minħabba l-interess ta’ Manchester United.
 Nistgħu ndaħħlu lil Moise Kean. L-aġent tiegħu huwa Raiola u nafu li Raiola llum miegħek u għada le, u onestament, ma naffordjawx nitilfu plejer ta’ din il-kwalità, minkejja l-età tenera tiegħu.

L-ewwel ħdax ta’ Juventus:

Mattia Del Favero; Alessandro Vogliacco, Yoan Severin, Pietro Beruatto, Rogerio Da Silva, Roman Macek, Oumar Toure, Simone Muratore (C), Grigoris Kastanos, Moise Kean, Mehdi Leris.