“Fl-aħħar għalaq!” hawn min jgħidlek rigward is-suq tat-trasferimenti. Hawn min diġà jibda jaħseb fuq dak ta’ Jannar u x’jista’ jseħħ madwar ħames xhur oħra għax imut għalih. Hawn min ikun indifferenti. Hawn min ikun imdejjaq għax ma ġewx plejers fit-tim tiegħu jew ma ġewx plejers tajbin jew dawk li kien hemm bżonn.

Personalment nieħu r-ruħ li spiċċa għax nieqaf nara aħbarijiet bla sens u fantaxjenza. Iżjed minn hekk, inkun nista’ niffoka u naħseb fuq il-lig u fuq l-objettiv prinċipali, iċ-Champions League. Hawn taħt ħa nitkellem fuq min telaq u fuq min ġie, dawk prinċipali, jiġifieri mhux ħa nitkellem fuq żgħar.

Ġewwa:

Gonzalo Higuaín – Diġà tkellimt fuqha hawnhekk din il-mossa ta’ Marotta. Fil-qosor, Higuaín huwa l-akkwist li hemm bżonn biex fl-aħħar ikollna magna tal-gowls u mostru fil-kaxxa. L-aħħar wieħed kien Trezeguet. Jekk jiskurja mqar 10 minn 36 fiċ-Champions League…

Miralem Pjanić – Fl-aħħar wasal sostitut ta’ Pirlo. Min jgħid li hu sostitut ta’ Pogba ma jafx x’inhu jgħid. Pjanić huwa inqas fiżiku imma pjanist bil-ballun f’saqajh. Eleganti, pulit, preċiż. L-iżjed li ta assists is-sena l-oħra fil-kampjonat Taljan. Semmejt li brillanti fil-free kicks?

Marko Pjaca – Rajtu jilgħab biss xi nofs siegħa b’kollox. Tekniku, ħafif, preċiż u b’saħħtu. Tgħid ħa jkun hu s-sostitut ta’ Pogba? L-akkwist ta’ Cuadrado juri li Allegri mhux beħsiebu jilagħbu mal-linja tal-lemin.

Mario Lemina – Wara sena self irriskattajnieh. Ħafif, żagħżugħ u tekniku ħafna ħafna. Għandu potenzjal enormi.

Juan Cuadrado –
Is-sena l-oħra beda billi jaqbeż il-plejers u jibqa’ sejjer barra. Għalaq billi beda jġennen lil kulħadd. Chievo, Hellas, Inter, Milan, Napoli, Bayern… Jirbaħ koċċ fawls u jagħti r-rigali lil Pjanić minn dis-sena issa…

Medhi Benatia – Ma’ Roma kien eċċellenti. Ma’ Bayern ftit inqas minħabba li weġġa’ spiss, imma xorta għadu ta’ kwalità għolja ħafna u meta tikkunsidra li Chiellini dejjem jagħmel xahrejn barra u li Barzagli qed jikber, tara li hu akkwist tajjeb ħafna.

Dani Alves – Hemm għalfejn ngħaddi kumment fuq il-plejer Brażiljan li l-iżjed rebaħ tazzi fosthom żewġ tripletti u sena minnhom rebaħ sitta?

(Mandragora – spiċċa l-perjodu ta’ self għand Pescara. Għadu bil-krozzi imma sal-aħħar ta’ Novembru għandu jirkupra. Inxtara dis-sena stess f’Jannar mingħand Genoa u mar b’self għand l-istess Frosinone. Meta kien lagħab kontrina kien ġab lil Pogba żero tista’ tgħid.)

Barra:

Paul Pogba –
Hawnhekk għidt kollox.

Álvaro Morata – Eloġjajtu diversi drabi lil Morata għall-ġirjiet li jagħmel u l-ispazji li jiftaħ, speċjalment kontra timijiet kbar fiċ-Champions League. L-iżjed telfa li ħa nħossu din is-sena wara dik ta’ Padoin.

Roberto Pereyra – Plejer validissimu li kien jagħti kontribut eċċezzjonali. Wara li weġġa’ majna ħafna sfortunatament. Milli jidher hu xtaq jitlaq, ġiet offerta validissima bħala valur u anke bħala relazzjonijiet. Ma ninsewx li xtrawh tim tal-famija Pozzo, l-istess ta’ Udinese (li bnejnielhom il-grawnd).

Simone Zaza – Wara dik ta’ Morata, it-telfa tiegħu hija pjuttost kbira. Spiċċajna bi tliet attakkanti biss. €30m hija somma eċċellenti għalih; tikkunsidra li hu wkoll xtaq jitlaq.

Mauricio Isla –

Simone Padoin – Tlifna l-portafortuna tagħna. Ktibt artiklu sħiħ fuqu fil-passat. Objettivament iż-żmien tiegħu ma’ Juventus kien għadda u kien ħaqqu avventura oħra fejn seta’ jibda.

(Martín Cáceres – telaq b’xejn u għadu bla klabb s’issa. Versatili u tajjeb imma jweġġa’ wisq.)

Marka totali: 8.5/10. Kważi suq perfett. L-unika problema hija li bqajna bi tliet attakkanti biss u mingħajr plejer stellari f’nofs il-grawnd. Iżjed ħa jkollna midfield ħaddiem hekk, fis-sens li iżjed ħa jibbaża fuq ġiri u tqassim sempliċi milli fuq il-bravura ta’ plejer wieħed.

Kien ikun 0.5 iżjed kieku rnexxielu jeħles minn Hernanes. Kien ikun 9.5 kieku ġie mqar Witsel, li għalkemm qatt ma segwejtu, żgur aħjar minn Hernanes. Kien ikun 10 kieku ġie l-plejer stellari bħalma ilni ngħid; Kroos, James jew Isco.

Sakemm ma jasalx xi ħadd f’Jannar ma nafx x’ħa nagħmlu fin-nofs. Marchisio għandu sa Jannar żgur biex jerġa’ jiġi li kien; Mandragora għadu bil-krozzi; Lemina u Asamoah għandhom it-Tazza tal-Afrika li għaliha jitilqu għal xi xahar u jaslu lura mkissrin apparti li Asamoah jweġġa’ spiss; Khedira brillanti imma għal kull erba’ partiti jagħmel waħda barra; Sturaro għadu mweġġa’ u għalkemm jagħti qalbu mhux l-aqwa wieħed teknikament; u Hernanes periklu pubbliku, vide l-ħamra fiċ-Champions League u ż-żewġ gowls li qlajna tort tiegħu. Pjanić huwa l-aqwa wieħed bħalissa. Imma Pjanić mhux ħa jżomm in-nofs waħdu. Minn wieħed mill-aqwa midfields fl-Ewropa, ġejna wieħed mill-agħar fuq il-karta.

Dybala żgur ħa jkollu jinżel iżjed u din tista’ twassal għal iżolazzjoni tal-attakkanti. Dan kollu ma jfisser xejn jekk jaqleb għal 4-4-2 jew 4-3-3. Xettiku ħafna wkoll fuq l-akkwist ta’ Cuadrado. Plejer li jogħġobni immens imma ġejna b’Lichtsteiner, Dani Alves, Pjaca u Cuadrado fuq l-istess linja. Sakemm Allegri mhux ħa jilgħab lil Pjaca u Cuadrado f’pożizzjoni differenti milli qed nissoponu aħna.

Imma niddubita kemm ħa jilagħbu f’pożizzjoni differenti la Lichtsteiner tħalla barra mil-lista taċ-Champions League. Iżjed ikolli nistaqsi, kien jagħmel sens li jiġi Cuadrado minflok infaqna flusu biex nisfurzaw għal Matuidi pereżempju? Jew li Lichtsteiner ma tħalliex jitlaq u bil-flus tiegħu konna nisfurzaw għal Matuidi?

Imma jekk kollox imur kif suppost għandna nieħdu l-lig faċilment u għandna nisfidaw b’iżjed serjetà għaċ-Champions League. Imma ma nħossx li l-midfield huwa tajjeb daqs dak ta’ Real Madrid, Bayern Munich, Atletico Madrid jew Barcelona.

Ħalli nħares ukoll lejn il-pożittiv. Tara l-plejers li hemm f’dan it-tim tinduna li Juventus B, biex insejħulhom hekk, is-sostituti, huma aħjar minn kull tim ieħor fis-Serie A. Nerġa’ ntenni, il-lig u anke l-Coppa Italia għandhom ikunu tagħna b’mod faċli.

Akkwisti Juventus